xi jfisser li lejliet u noftoq
Ġranet bħal-lum jibku l-poeżija.
Nara tifel fil-kafetterija, bil-basket tal-iskola wara ħin l-iskola. Imbagħad ħolma.
L-għasafar qabdu jgħannu mal-ewwel raġġi. Smajthom u ma stenbaħtx.
Sirt ngħodd il-ġranet bin-numri ta’ screens li nara: tat-tv, tal-laptop, tal-karozza …
Kollox f’sekwenza. Sekwenza f’kollox. Sakemm.
Ir-riżultat tal-iscreening tas-sider ġie negattiv. Negattiv ieħor, ħanini.
Kif tismagħha l-kelma “mammografa”? Iddoqqlok?
Jiġu ġranet indoqq il-mużika tgħajjat minn filgħodu u jiġu ġranet xejn. Xejn jiġifieri xejn.
L-uġigħ għajejt nipprova nfissru u bdejt ngħixu.
L-uġigħ tidrah u jidrak.
Nibqa’ ngħid ma rridx nigglorifikah. Tibqa’ ttini ġewwa.
Hi tigref. Aħna nigirfu. Huma jigirfuni.
Kif taqbad tfisser lil xi ħadd li qatt ma kellu d-dwejjaq li d-dwejjaq dgħajsa? Fil-maltemp, jiġu u jmorru.
Kultant idumu naqra iktar u kultant jibqgħu hemm. Il-ferħ jidfinhom.
Intik kelmti li minn ġewwa nkun qed nidħaq. Fuq li nidħaq.
L-aħħar darba li għedt “I do”, is-sentenza kellha tkompli: “want a bit more rice”. Wara “I do”, infqajt nidħaq.
Xi jfisser li tkun tarbija u tibqa’ tarbija.
L-aħħar li dfint kien il-weraq li waqa’ mill-pjanti fuq ħoġri. Ħsibtni se ngħidlek ħoġor it-tieqa. Dħaqt bik. Għax għedtlek, ġranet bħal-lum jibku l-poeżija.
Il-weraq iqattar id-demm. Forma ta’ fittonia.
Il-fjuri sofor il-favoriti tiegħi. Għalhekk ħallejthom għandek.
Ġismi tieqa jżommlok kemm weraq lewn għajnejja. Xi darba nsir werqa jiena wkoll.
Imma t-trab li blajna l-weekend li għadda għadna nisgħoluh sal-lum. Taf għal xiex qed nirreferi.
Kultant il-waqgħat iferu ta’ veru.
Il-marki fuq ġismi mappa ta’ territorji maħruta. Damma ta’ qatgħat u qtajja’.
Il-versi tal-ġenesi kienu teħbira għall-jiem li għaddew: trab kont, u trab terġa' ssir.
Hemm nies li ma tafx kif taqbad tispjegalhom xi jfissru għalik. U kemm ifissru, kif naqbad nispjega?
M’għadux żmien l-ode. Jew għadu.
M’għandniex kelma għal seam ripper bil-Malti. Ngħidulha dik li toftoq.
Imma toftoq xiex?
Qabel m’għamel l-operazzjoni tal-ftuq, in-nannu, kienet għadha qatt ma messitu s-sikkina. Kellu ħamsa u sebgħin sena.
It-tifel tiegħu ħakmuh id-dwejjaq għax qatt ma messitu s-sikkina. Għaddiet żbrixx minn ma’ wiċċu. Kien għad kellu tmintax.
45% tan-nies jaqtgħu ġisimhom biex iweġġgħu lilhom infushom. U jkun għad għandhom tlettax.
Olga Tokarczuk ħaqqha vers għaliha.
Tismagħha d-differenza bejn jiaozi u gyoza. Jien ma nismagħhiex.
Hemm nies li ma tafx kif taqbad tispjegalhom xi jfissru għalik. Għadni naħseb fuq din.
Iktar ma nitgħallem il-qtates, iktar insir bħalhom.
Issa nixtieq nitgħallem il-lejl mod ieħor.
Nixtieq nikteb: nitkaħħal m’għajnejk koħol. Naf li vers ħażin. U xorta niktbu.
Il-kelma lajk tilfet kull sens ta’ tifsira.
Nixtieq tant affarijiet. Safrattant, nikteb. Sabiħa l-kelma safrattant.
Il-femminiżmu kwistjoni ambjentali. Ħu minn siġra, fekruna u għalqa.
Hemm nies li ma tafx kif taqbad tispjegalhom xi jfissru għalik.
Fuq tlieta toqgħod.