
it-tnedija ta’ SJESTA
ta’ Trevor Żahra
ILMA ŻAHAR, IRJIEĦ U DJAR
Leanne Ellul dwar Sjesta ta’ Trevor Żahra
Il-25 ta’ Mejju 2023
1.
F’dar mitluqa għal riħha, Bormla, is-sjesta diġà bdiet tissajja mitraħ minn bejn il-persjani u x-xquq fil-ħitan. Il-ventilaturi misduda bil-bejtiet tal-frieħ kemm kemm jafu jgħannu. Ix-xemx issus wara t-tfal fil-pjazez. Twassalhom sal-iskola, hi. Dalwaqt tibda taħqar il-faċċati tad-djar, sa taħraqhom. Hawn ix-xemx għad għandha fejn tistrieħ. Toħroġ l-għaraq mill-ġebliet. U l-katusi, anke huma, jibdew jegħrqu u jieħdu l-ħajja. Jagħtu l-ħajja. Fil-kamra tas-sodda hemm mara mibruma, xagħarha lewn il-ġibs, tiekol il-crisps. Ikunu s-sagħtejn. Meta tmur għajnha biha tibda titlob kurunella oħra. U oħra. Sa ma jqajjimha żveljarin mill-antiki. Saru l-erbgħa. Tgħajjat għajta, mill-antiki wkoll, lil żewġha ganġetta fil-kċina: te. Għadni nismagħha ddamdam il-ħitan dobbli ta’ dar biċċiet biċċiet. Issa s-sjesta tista’ tibda.
2.
Il-kelma “sjesta” għalija mhix Spanjola. Għalija, Maltija daqs nannti titmattar fuq is-sufan jibża’ mill-pannu jarmi riħa ta’ boċċi tal-kamla, daqs ommi titqalleb fil-friex taħt l-AC, daqs missieri mitluq il-garage taħt il-fann. Bil-kelb tal-kaċċa jliegħeb ħdejh. Il-kelma “sjesta” “taħt xemx li tikwi - l-eħrex xemx sajfija” – kliem Rużar Briffa, għax fil-poeżija “Nofsinhar sajfi” tfakkarni l-kelma. Is-sjesta ta’ Albert Camus f’Il-Pesta: “Every day, soon after lunch, at a time when most people stayed indoors, enjoying a siesta, a dapper little old man stepped out on the balcony on the other side of the street.” Fil-gallarija ta’ Sjesta hemm mara, Salvina, bil-qabar ta’ Kelinu “linja dritta mal-gallarija tagħha u bit-tromba setgħet saħansitra taralu l-qronfla mal-pavru fir-ritratti ovali ta’ mal-lapida.” Għax is-sjesta hija l-waqfa bilkemm titħarrek u l-pawsa umda. Is-sjesta dawn l-istejjer – sjestin. Fihom “mill-iċken tqaħqiħa ta’ riħ sal-pesta”. Għandhom mill-ilma żahar, u d-djar.
3.
Dawn l-istejjer ta’ Trevor Żahra li mhux lakemm taqra bħalhom. Huma stejjer iddominati mir-riħ (tat-temp jew tal-passa) u mir-riħa. (Fil-vina ta’ Trevor, ikolli aptit nivvinta xi ħaġa, u nivvintaha, bħal: Jekk xiħa l-mara tax-xiħ, riħa l-mara tar-riħ?) Fuq nota iktar serja: dan ir-riħ ta’ Sjesta “li jorqod zoptu”, “ir-riħ li ma jitfix ix-xemgħat”, “ir-riħ li jieqaf jittawwal u jinstema’ jingħi”, “ir-riħ li jidħol bil-ħeffa u jinkih”, “ir-riħ idur żugraga”, “ir-riħ jokrob”. Għal waqt wieħed bdejt nistaqsi lili nnifsi: la l-preżenza tar-riħ daqstant qawwija f’dawn l-istejjer, għaliex Sjesta? Imma s-sjesta hi xi ftit jew wisq ir-riħ li jwieti fil-pawsiet meta barra x-xemx tiqliel.
Fi Sjesta nsibu referenza waħda għal “sjesta” fin-novella “Sieq tal-injam”: “U hemm Ġillo kien iqatta’ l-ħin tas-sjesta mal-kotba, jixrob l-ilma frisk tal-bir, iħares lejn iz-zalzetta ġol-plattina moħbija taħt sarvetta u jistenna l-arloġġ tal-knisja jdoqq is-sagħtejn.” Għalhekk ukoll hi s-sjesta tal-kotba (jew li tiftaħ il-kotba), il-pawsa li bħal ktieb innifsu tiffriskana fl-iktar mumenti sħan.
Ir-riħ fi Sjesta jġib bidla meta l-affarijiet donnhom ikunu se jaqbdu jistaġnaw. Volta, tidwira. U miegħu jġib irwejjaħ ġodda.
4.
F’dawn l-istejjer hemm ukoll ir-riħa: “ir-riħa ta’ misteri”, “ir-riħa qarsa tal-inbid”, “ir-riħa taz-zalzetta”, “ir-riħa ta’ penitenzi”, “ir-riħa tal-akwarelli”, “ir-riħa tal-istuffat tiskappa mit-tieqa”, “għaġin il-forn riħa ta’ għajnejn iteptpu”, “ir-riħa tal-ħruq”, “ir-riħa tqila tal-kamla”, “ir-riħa tal-baħar”, “ir-riħa ta’ pastard u kaboċċi”, “ir-riħa ta’ dikompożizzjoni”, “ir-riħa ta’ moffa u għeluq” … F’dan il-ktieb inħoss li qrajt uħud mill-isbaħ metafori ta’ Trevor Żahra. Friski bħat-taħrika li jqanqal ir-riħ.
5.
Meta nitkellmu fuq ir-riħa, inkunu qegħdin nimplikaw is-sens tax-xamm; sens li mhux dejjem nagħtuh importanza fil-kitba. Danuta Fjellestad f’“Towards an aesthetics of smell, or, the foul and the fragrant in contemporary literature” tistqarr li: “Despite the intense critical interest in the body, we remain firmly within the aesthetics that we have inherited from the nineteenth century in which only two senses, visión and hearing, are considered.”
Diversi xogħlijiet jenfasizzaw sensi oħrajn u jwarrbu r-riħa (konnotazzjoni pożittiva) u l-irwejjaħ (konnotazzjoni negattiva). Nistgħu nsemmu eċċezzjonijiet bħal Perfume ta’ Patrick Suskind u Chocolat ta’ Joanne Harris (li naf li huma rumanzi għal qalb Trevor). Nagħmlu enfasi fuq il-ħars, anke permezz tal-metafori u x-xbihat, u nagħmlu enfasi fuq is-smigħ, anke permezz tal-onomatopea. Imma x-xamm?
Għal ħafna snin, ix-xamm kien fil-periferija tal-ħsieb filosofiku, reliġjuż u anke xjentifiku. Fl-istudju tagħha dwar ix-xamm fid-diskors filosofiku, Scent: The mysterious and essential powers of smell, Annick le Guérer tinnota li Fourier, Feuerbach, u Nietzsche biss kellhom opinjonijiet pożittivi dwar ix-xamm. Minn fosthom, Nietzsche biss ħares lejn ix-xamm mill-ġdid meta rabtu mal-għerf, ir-rappreżentazzjoni mentali u l-għarfien intwittiv. Ir-riħa tal-ħruq u d-dikompożizzjoni li jirreferi għalihom fi Sjesta, fil-fatt, ifakkruna li mhux l-irwejjaħ kollha fwejjaħ. Nifrakru li dan hu sens li jista’ jnaffar, iktar milli jiġbed. Dan af wassal sabiex ix-xamm ikun marġinalizzat; xi ħaġa li diversi kritiċi jorbtu magħha l-proġett Illuminista li jneħħi l-irwejjaħ mill-isferi pubbliċi u privati.
6.
Ir-referenzi għas-sens tax-xamm jikkontribwixxu xi ħaġa differenti lill-kitba, anke jekk skomda. Ngħidu aħna, is-sens tax-xamm marbut intimament mal-memorja. Din hi l-memorja li għandha minn djar evakwati u abbandunati. Jew miżgħuda.
Ejja niftakru fir-riħa tal-ikel li tfakkarna f’meta konna tfal li mbagħad tfakkarna fin-nanna li kienet issajjar kollox l-aħjar li mbagħad tfakkarna fil-ġnien li kellha mad-dar u r-riħa taż-żahar. Nieħdu minn din is-silta ta’ Trevor minn “Togħma ta’ sadid”: “Minnufih bdiet ġejja fi mnifsejh il-fwieħa tal-ġonna ta’ nofs April u r-riħa tal-kaxxa kbira tal-akkwarella li kienet tatu ommu meta għalaq it-tnax-il sena. U griżmejh faru bit-togħma tal-kafè bl-imsiemer tal-qronfol, tal-froġa bit-tursin, tal-inbid, il-mandolina, il-ġellewż u l-pudina tal-ħobż.” X’jifdal fina l-qarrejja meta naqraw din? Is-sens tax-xamm u tat-togħma jitħalltu flimkien u jqanqlulna esperjenza li nerġgħu ngħixuha permezz tal-kitba – għax xi darba aħna wkoll konna dak it-tifel bl-akwarelli ntiegħmu l-kafè u l-pudina.
F’silta oħra min-novella “Baħrija” jikteb: “Minkejja li fid-dar ta’ mal-knisja kienu daħlu u ħarġu bosta kappillani, ħadd minnhom ma kien irnexxielu jħalli mqar dellu ġo fiha. Dik id-dar kellha riħa ta’ penitenzi, ilma qiegħed, ġakolatorji u pastard mgħolli, li ebda tberriħ ta’ twieqi ma seta’ jifdiha minnha.” Il-mod kif ilaqqa’ r-riħa (astratta) ma’ aspetti astratti oħrajn bħall-penitenzi iżda wkoll aspetti konkreti bħall-pastard mgħolli jroddilna esperjenza differenti, li tiġbdilna l-attenzjoni tagħna u tattiva sensi varji sa ma twaħħadhom flimkien.
Ir-riħa ta’ inbid u remettar ta’ Giacomino titħallat mar-riħa taz-zalzetta ta’ Ġillo f’“Sieq tal-injam” u ma nistgħux ma naqrawx din in-novella mil-lenti ta’ Sigmund Freud li jindika relazzjoni diretta bejn ix-xamm u s-sesswalità. Hemm rabta intima bejniethom u daqstant ieħor hi intima r-rabta bejnna l-qarrejja u l-irwejjaħ fl-istejjer.
7.
Fuq kollox, is-sensi miżżewġin flimkien jpinġu stampa sħiħa. U fil-każ ta’ Trevor Żahra, ma jafx ipinġi bl-akwarelli biss imma bil-kliem. L-esplorazzjoni tas-sensi taqdih tajjeb ħafna. Speċjalment meta naslu għall-kuluri. F’“Ġebel u tafal” f’Vespri jsemmi l-“ikħal kobalt, sjenna u aħmar dagħmi” … u ġaladarba tisma’ dawn il-kuluri donnu l-memorja tkun trid tibqa’ tiftakarhom. Dan ukoll it-Trevor tal-kuluri. Dawn il-kuluri tal-kotba f’“Sieq tal-injam” u l-kuluri tal-għasfur fi “Ġwienaħ”. Għall-poeżija, Dorothea Lasky, f’“What Is Color in Poetry, or Is It the Wild Wind in the Space of the Word “ tgħid: “When we use color in a poem, it is not an abstract state, but an association that has weight, that is tangible; a translation of reality, but again, what is reality? Is it the wild wind in the space of the word?” Nixtieq napplika dan id-diskors għall-proża Żahrajana, li kultant għandha mill-poeżija, imqar minn kif tiddakkar mill-kuluri ikħal, aħmar, isfar, aħdar …
Il-frażijiet “lewn il-ġamra”, “lewn il-ġibs”, “lewn qiegħ il-Blue Grotto”, “lewn il-qtigħ il-qalb”, “lewn il-forġa”, “lewn il-blu tal-Union Jack”, “lewn il-ħalib ta’ Galizja” jroddu ħjiliet poetiċi lill-proża u fl-istess nifs il-poeżija tagħmel il-proża iktar reali. Din is-silta min-novella “Sħab” xhieda ta’ dan: “Imbagħad hi fetħet għajnejha, tmattret u malli ttawlet mit-tieqa qaltli, “Xi ġmiel ta’ sħab. Ara x’kurżità ta’ lwien. Tistħajjilhomx il-kuluri fuq it-tavlozza ta’ Calì?” U jien tani qalb ngħidilha li dik kienet it-tavlozza ta’ Caravaggio, biċ-ċarċir ta’ demm Oliferne u l-Battista. Imma bqajt sieket … nipprova nagħraf liema kienu tbajja’ taz-zlazi u liema tal-inbid. Imbagħad ilbist bil-ħeffa u tlaqt għall-mixja tas-soltu bla ma qgħadt nistennieha.”
8.
Dan ma jfissirx li l-istejjer sjestin mhux fantastiċi wkoll. Anzi. Trevor Żahra jerġa’ jikxef il-ħila tiegħu ta’ kittieb tal-istejjer realistiċi maġiċi. Il-ħolm, bħal fi stejjer f’kotba qabel dan, jerġa’ jkun il-mutur li permezz tiegħu l-istejjer jaqbżu minn dimensjoni għal oħra. Il-ħolm jispikka l-iktar fin-novella “Oħlom”. Għadni ma sibtx it-tweġibiet għall-mistoqsijiet ewlenin tagħha: “Tgħid il-mejtin joħolmu? Tgħid il-mistrieħ ta’ dejjem iġibilhom ħolm dejjiemi? U tgħid biex joħolmu?” U jkolli ngħid, aħjar ma nsibhomx.
Il-ħolm iġibna wiċċ imb wiċċ mar-realtà (anke jekk mhuwiex reali) jew anke jurina dak li ma rridux naraw, kif jidher f’“Dar tal-pupa”. F’“L-Iżball ta’ Alla” il-ħolm jinbidel f’tortura: “Meta l-ħolm jinbidel f’tortura u fi ħmar il-lejl, ħadd ma jkun jista’ jżommu; imqar jekk mir-riefnu kollu, ġol-flixkun jirnexxilek tibbottilja biss daqsxejn ta’ żiffa.” Jidher ukoll f’novelli oħra bħal “Grampanja” u “L-aħħar titjira” – kollu ħolm bi sfumaturi differenti … għax, x’inhi sjesta mingħajr ħolm?
9.
Nota fuq l-ilma żahar. Forsi fhimtu għaliex l-irjieħ u d-djar. Imma l-ilma żahar? Meta naħseb fi Trevor naħseb fil-logħob bil-kliem … u minn Żahra ħsibt f’żahar … u l-fjuri li Trevor tant iħobbhom ukoll … sakemm sibt li jsemmi l-ilma żahar fin-novella “Togħma ta’ sadid” … u ħsibt ftit … u llejla nixtieq intik dan. Miegħu għandek ir-riċetta tal-kitba Żahrajana. It-togħma u r-riħa tal-ilma żahar hi Maltija … daqs dawn l-istejjer … li bħal Chocolat, minkejja li ambjentati fi rħula, xorta jilħqu dimensjonijiet ikbar.
10.
Lilkom nistedinkom tiftħu l-ktieb u taqrawh. Imma qabel, ixxommuh. Ħa jitqanqlilkom riefnu. Ħa tifhmu għaliex dan hu Sjesta bla ma hu sjesta: għax sjesta rqad, għax sjesta ħolm, għax sjesta l-waqt meta daqt ikunu se jdoqqu l-erbgħa ta’ waranofsinhar, id-dar.
Ritratt: Gorg Mallia
Ritratt: Joseph Caruana