Lilek, Oliver Friggieri
Ftuħ
Darba staqsejtni jekk irridx nibqa’ nikteb il-poeżija, Oliver. Kien Lulju tal-elfejn u sbatax u ġejt għandek biex narak, biex nara xi tpinġijiet tiegħek. Bħas-soltu staqsejtni x’qed nagħmel u weġibtek: ngħallem. Kont diġà fhimt li anke kelma waħda tista’ tgħid ħafna, tgħid u ma tgħidx, jekk trid. Int għallimtni x’ngħid jien u ngħallem. Bil-kelma magħżula, meqjusa, iktar minn xejn. Kien għeluq snin ħabib tiegħi dak iż-żmien u tajtu waħda mit-tpinġijiet tiegħek. Meta ħallejtna, l-ewwel ħaġa li tkellimna fuqha kienet hi. Għadha għandu, iffirmata, frejmjata. Fuq rasi, f’kamritna, għandi waħda jiena wkoll. Kont għażilt it-tpinġija b’żewġ itfal u salib mill-iżgħar, darba mid-drabi ta’ qabel meta skoprejt li taf tpinġi wkoll. Dakinhar ta’ Lulju elfejn u sbatax poġġejna mal-mejda, int naħa, jien oħra. Il-mejda li tagħti għall-ġardina kienet u wrejtni xi gazzetti. Ma kontx għadek tikteb bħal qabel. Tilqa’ n-nies għandek bħal qabel, iva, u żgur. Ftit qabel konna ġejna għandek, jiena, sħabi tal-Għaqda tal-Malti. Poġġejna u offrejtilna luminata. Sparky ma nqalax minn fuqek. Fakkarni f’Lily tiegħi: possessiv, imserdaq, kburi. Bejn irid jifraħ bina u bejn irritat li qed nisirqulu lil Oliver tiegħu, imqar għal ftit sekondi. Għalih kienu dinja. Dakinhar ta’ Lulju elfejn u sbatax daħħaltni fil-librerija tad-dar tiegħek Fleur-de-Lys imbagħad. Qbadt il-ktieb tal-poeżiji miġbura, l-aħdar, il-kbir nett, u ftaħt paġna minnhom u qrajtli poeżija. Ma niftakarx eżatt imma se nassumi li kienet din.
Għax hekk ikun poeta.
Jitkellem bi tbissima,
iħoss b’qalb tikwi nar,
u jaħraq dinja sħiħa
bi mħabbtu lejl u nhar.
Iweġġa’ bla ma jsawwat,
jissawwat bla jiqliel,
il-ġid jislet mill-ħażen,
fil-kruha jara l-ġmiel.
Ibaħħar fl-oċeani
u jogħdos f’qiegħ id-dmugħ,
b’testment bla flus iħalli
il-kliem, teżor tar-ruħ.
Iżomm ma’ xofftu l-kalċi
bla ma jitilqu qatt,
ilaqqat l-aħħar qatra
bla ma jintebaħ ħadd.
U jolfoq bla jinstema’,
ibati taħt sigriet,
bid-dmugħ jidlek il-ġrieħi,
bix-xejn jimla x-xewqiet.
F’deżert ta’ solitudni
bil-pass ta’ nkiss inkiss
iterraq sa ma jasal
f’riġlejn il-kurċifiss.
Il-golgota twelidu,
il-golgota xortih,
il-golgota li tkissru,
il-golgota li tqawwih.
Hekk biss ikun poeta.
Riflessjoni 1
Hekk biss tkun poeta? Biss? U poeta mara? Mhux ċerta li kliemha m’għandux iweġġa’; kultant irid iweġġa’ wkoll, ħa jasal, ħa jaqta’ fil-laħam il-ħaj, ħa jferi. Inċiżiv il-kliem u tqil il-piż tiegħu. Li jaħraq dinja sħiħa, ukoll. Hemm ħafna mħabba x’tinkiteb u hemm ħafna golgota nkiss nkiss. Kollox jaħraq kemm għandu jaħraq. Ma nafx hux hekk biss nista’ nkun poeta jiena. Imma forsi hekk ukoll. Togħġobni wisq dil-kelma komuni, mundana, li tgħid ħafna: ukoll.
Bħat-tfal li jiġu bil-vapuri
Dakinhar ta’ Lulju elfejn u sbatax fakkartni li l-poeżija ġġennek. Ma kontx għadek taf li kienet ġennitni diġà; mhux biżżejjed biex ma nkomplix niktibha, biżżejjed biex bħal droga nkun irridha iktar u iktar. Inti taf kif, Oliver, hux veru? Taf kif ikun vizzju? Bħal sigarett jinħaraq bejn subgħajk. Taf kif tibda titgħallem bil-gideb bħat-tfal li jiġu bil-vapuri u l-ħajja mimlija fjuri. M’hemm xejn f’dat-turufnament tad-dmugħ. Lanqas gideb li jinħafer, lanqas abjad mhu dal-gideb. M’hemm xejn f’dal-kurituri vojta u kultant dal-kliem ma jiswa għal xejn.
U iva, il-poeżija ġġennek. Tħallik taħtha, iktar ma tomgħod iktar ma tixbax. Inti kont xbajt bil-figolli li kont intik? Għal xi raġuni stramba, naħseb int tiftakarha iktar minni, minflok rigal tal-Milied kont intik figolla tal-Għid. Forsi fl-ewwel sena nsejt intik fil-Milied u ġejt intik fl-Għid. Forsi kont għedtli li tħobbhom jew li għoġbuk. Hu x’inhu, kull sena kont intik figolla. Din ma nsejthiex. Hemm dettalji jaħarbuli jirrabjawni. Għalhekk iġġennek il-poeżija wkoll. Mingħalik qed taqbad kollox u ma tkun qed taqbad xejn. Jekk il-kelma hi tant effimera kif tista’ taqbadha f’poeżija? Jew ma taqbadhiex? Għaliex? Għallimtna ħafna nistaqsu għaliex, bħall-ħajja mistoqsija, bħat-tfal jistagħġbu jaraw ix-xemx tielgħa fis-sema u tistaħba taħt l-art ftit tas-sigħat wara. “Hekk tridu tibqgħu tistagħġbu, bħat-tfal”, kont tgħidilna.
Int taqbadha fuq ir-responsabbiltà tagħna bħala ċittadini ta’ din l-art ħelwa, li nħobbu lsienna qabel kull ilsien ieħor, imma mhux qed tinftiehem. Nixtieq inqum u ngħidlek: “Oliver, għall-ġid tiegħek u tagħna, għolli ftit leħnek.” Ma kinitx tkun idea ħażina. Diġà qed tissielet biex titkellem, biex tinftiehem u għadhom l-elfejn u sebgħa. Il-lejl ta’ qabel, nannti Lina tarak fuq it-televixin u mbagħad tistaqsini: “Imma dak kif tifhmu jitkellem?” Kont ili nifraħ li tgħallimni u dakinhar nannti ma fehmitekx u ħassejt bħal tingiża diżappunt. Dan il-Professur Friggieri li jitkellem il-ħajja nnifisha u inti mhux qed tifhmu? Hekk xtaqt ngħidilha. Mhux ċerta jekk ma kinitx fehmet kif qed titkellem jew x’qed titkellem fuqu. Bħalha, l-ewwel ġranet li dħalt l-Università u bdejt naqra L-Idea tal-Letteratura ħassejtni mitlufa. U forsi mhux għax kontx qed nifhmek titkellem fl-ewwel ġranet, imma ma kontx qed nifhem x’qed tgħid. Anke jekk minn fuq il-podju, anke jekk qalb l-imwejjed, anke jekk bil-bieb miftuħ. Imbagħad ma nafx jekk tiftakarx li sieħbi, li wara l-kors sirna ħbieb akbar, kien qam u qabad jgħolli leħnu hu, flokok, biex isikket lil min kien qed iparla. Dakinhar ma kellekx wisq iktar kliem ħlief: “Sinjuri, għandkom aptit lezzjoni?” Għal darb’oħra ma mpontejx il-kelma, imma ħallejtha għal min irid jisma’. Inutli tisma’ u ma tifhimx.
Intervall
Nassumi li din se tgħidli li qed togħġbok ukoll, din li qed nikteb, naqra bħalissa. Urejtek wisq kliem fqir u għedtli li sabiħ u tajjeb. Kliem wisq ikbar milli jidher. Kollox kien tajjeb għalik. Kont tmiss biss ftit ortografija u meta qaluli, fis-swali tal-istess Università, li din il-poeżija mhux qawwija biżżejjed, trid taħdimha, trid tagħġinha, trid taħfinha – kien lettur ieħor bħalek dakinhar li qalli hekk – mort id-dar, sabbatt il-basket fil-kamra, intfajt fuq is-sodda u qbadt nolfoq, u ħlift li ma niktibx iktar. Kienet gidba bajda oħra ta’ dakinhar.
Riflessjoni 2
Lejn l-aħħar, meta gradwajt, kont niżżerżaq minn bejn il-bieb ta’ kamartek biex insellimlek. Il-piż tal-kelma sar piż ġismek. Konna nweżnuk, kultant, kont tintelaq xi ftit iktar milli taħseb li tkun qiegħed tintelaq.
Mal-fanal hemm ħarstek tixgħel (?)
Kif taqbad tispjegaha din lill-istudenti? Li għadhom ma rawx il-ħarsa u ma jafux xi tfisser. Jidħlu quddiemi kull sena ġgajta tfal-żgħażagħ ta’ ħmistax, sittax, li trid tibda tispjegalhom x’inhi poeżija. U diġà tinħoloq kriżi, fil-mument li tlissinha, poeżija, qabel biss tkun lissintha. Sakemm flimkien nibdew inħottu u nibnu l-kliem. Nipprova nfissirilhom li l-poeżija mhux qiegħda biex tifhimha, jew mhux qiegħda biex tifhimha biss. Nipprova nfisser li l-poeżija l-ħajja; imma x’jifdal mill-poeżija jekk dakinhar filgħodu missier Samwel ikun kiser id ommu? X’jifdal mill-poeżija jekk Samirah ftit xhur qabel tkun għadha ġejja bid-dgħajsa? Ma nafx fejn qiegħda l-poeżija, hux magħna, hux f’moħħna. Kultant jibqgħu ma jifhmux, kultant joħorġu jipprotestaw fit-toroq. Jiktbu l-poeżiji tagħhom huma mbagħad u jiġu għandi bħalma kont niġi għandek jien. Jien mhux bħalek, ma ngħidilhom li kollox tajjeb. Jien bħal dak il-lettur li lili qalli li l-poeżija trid tibqa’ taħdimha. Ngħidilhom li kollox għad ikun sew, imbagħad. Mhux nigdeb, mhux abjad. Xi darba veru kollox għad ikun sew, bil-poeżija u mingħajrha. U huma jibqgħu jridu jisfidaw l-establishment u l-istatus quo. Naqra inqas irrassenjati minni. Din is-saħħa tal-poeżija, tal-kelma, tal-waqfa fil-vers. Il-poeżija tiegħek qed taħdem, Oliver.
Ma nafx eżattament x’hemm jixgħel mal-fanal, imma xi ħaġa hemm.
Għadha u tibqa’.
Għeluq
Fil-poeżija “Insomnja” tistaqsi: “Meta fl-insomnja twila tħoss jitwieldu/ħsibijiet ġodda u moħħok jitqal iżjed/x'tixtieq?” Trid tkun taf x’nixtieq Oliver? Li nkun tikka inqas bħalek; forsi kultant il-kliem huwa kliem u daqshekk. Li nkun tikka iktar bħalek; bil-poeżija tiżvina minn fija. Nixtieq li meta nkun daqsek ma nibżax mit-tastiera u l-aġġeġġi li ġejjin, ma nibżax mill-kliem li dieħel bil-vapuri, ma nibżax mill-bnadar ta’ żewġ kuluri, ma nibżax mid-demel u mill-kruha u mill-biża’.
Ma nibżax, u nibqa’ nitkellem. Hawn wisq ħmura llejla u dalwaqt sejra norqod.