xi jfisser li lejliet u noftoq

 

Mhijiex dejjem grazzja li tkun tħobb il-kliem. Jiġu ġranet meta l-kliem, bħal kankru, jgħawwar il-menti u jherrik. Imbagħad tinduna li l-kliem, ħsieb. Il-ħsibijiet jherruk. Tipprova ssib xi tfisser kull kelma għaliha waħedha, imbagħad f’sentenza, imbagħad f’sensiela ta’ sentenzi li forsi ma jwasslu mkien. U li forsi min kitibhom, frankament, kien qed jaħseb l-oppost jew ma kien qed jaħseb xejn. Diġà s-sebgħa ta’ filgħodu, ili mqajma mill-ħamsa, u m’għamiltx ħlief kliem.

Kultant nagħmel l-iżball li nipprova nifhem id-dinja tiegħi bil-kliem. Din id-dinja tiegħi hija dinja ta’ kliem, nuża l-istess kelma biex ninnavigaha u nifhimha. Nipprova naħkimha. Nipprova nifhem is-suġġett bl-għodda nnifisha. Għalhekk kultant nixtieq lanqas nipprova nifhem.

Il-lejl li għadda għeriqt. Minn ġismi ħareġ l-għaraq, għax is-sħana. Imma l-lejl li għadda għeriqt. Għeriqt fl-irqad u l-ħolm li xtaqt li ħlomt. Meta nisforza lili nnifsi biex norqod ħa noħlom, ma jirnexxilix. Inkun nixtieq li jiġu ljieli li matulhom norqod u ma nqumx; mhux att suwiċidali dan. Hija xewqa ta’ ljieli bla qies li jwittu t-triq għal ħolm bla qies. Ma nistax nimmaġina x’jiġri li kieku dejjem ikun il-lejl. Kieku forsi ħadd ma jorqod jew norqdu għal dejjem, fis-skiet. Imma din tal-irqad għal darb’oħra.

Tal-lum dwar il-kliem, kif nofqtuh u kif joftoqna. Dwar il-ħolm li jqanqal il-kliem. Dwar il-lejl. Ħafna drabi nispiċċa nikteb dwar l-istess affarijiet. B’xi mod, dejjem indur magħha, biex nifhimhom, biex infissirhom.