Kumment fuq “Mewt” ta’ Dun Karm Psaila


Fil-letteratura m’aħniex privi minn poeżiji li jitkellmu fuq il-mewt, minn eleġiji, b’mod ġenerali u anke fuq il-mewt ta’ xi ħadd b’mod speċifiku. Imma din ta’ Dun Karm, “Mewt”, hija eleġija mod ieħor. Imqassma fuq tliet strofi u b’versi ħielsa, tigglorifika l-farfett li Dun Karm isejjaħlu ċkejken. Mela mhux talli hu farfett u allura delikat u fin u fraġli imma huwa ċkejken. F’dan is-sens huwa iktar vulnerabbli. Il-kliem stess u r-ritmu tal-poeżija jlebilbu bħal fjamma, hekk narahom jiena.

U din il-poeżija tolqotni għax qisha film; bħalma film jibda b’establishing shot, b’wide shot, il-poeżija titlaq mill-ftuħ u mill-vastità. Telenka l-elementi makrokożmiċi tan-natura bħax-xemx u l-ġonna u l-għelieqi. Tħaddem kliem li jimplika immensità bħal tħaddar, kollha u beraħ. Imbagħad fit-tieni strofa, bħalma f’film insibu l-close up, il-poeżija tibda tiżżumja, tibda tiffoka fuq is-suġġett li hu l-farfett. U dan il-farfett qed idur madwar il-ftila. Din ix-xena għall-ewwel tidhrilna innoċenti, anzi ħelwa, kif jgħid hu stess “ħlewwa ta’ farfett”. Jiddeskrivih bis-similitudni “qisu tal-fidda” għax prezzjuż, bħallikieku is-sħana tibdlu u trendih xi ħaġa oħra, forsi iktar prezzjuża wkoll. L-istess bħalma fl-alkemija l-materjali jinbidel f’ieħor prezzjuż permezz tas-sħana, pereżempju. Din il-maġija tal-alkemija, tal-proċess li bih xi ħaġa ordinarja tinbidel f’xi ħaġa straordinarja, xi drabi b’modi li ma nistgħux nispjegawhom. 

Din il-ġibda tal-farfett lejn il-fjamma tinbidel f’logħba mbagħad għax jersaq lejha u jmur linn minnha. Hawnhekk il-farfett verament qed jilgħab man-nar, mal-”ilsien tan-nar” kif jgħidilna. L-ilsien tan-nar iqabblu mal-magħmul ta’ saħħar, u jispikka dan l-element manipulattiv tan-nar, is-seħer maġiku u traġiku, li jibda jsir iktar imminenti u perikoluż. Li jkun ta’ theddida għal min jersaq wisq viċin tiegħu. Fl-aħħar ftit versi tat-tieni strofa jsensel lista ta’ verbi mimlijin ħajja; lejn tmiem ħajtu, ironikament, il-farfett jerġa’ jqum u jimxi anke jekk imil u jinbaram u jaqa’. 

U din l-insistenza tiegħu, din il-ħeġġa tiegħu ma tehdiex għax it-tielet strofa tibda bil-volta “’mma dlonk tarah jistaħja/ifarfar dawk ġwinħajh/u jarġa’ lejn id-dija”. Mela dan il-farfett li mhux qed jagħraf il-periklu li jinsab fih, jew li tant jinġibed lejn il-periklu li mhux jiddarras jittantah; u jgħidilna “u bejn xewqan u mbażża’”. Dan il-farfett li għad li f’għajnejna jaf jidher delikat iżżejjed fiżikament, mhuwiex nieqes mill-qawwa interna, għax “jarġa’ lejn id-dija/ħafif daqs vleġġa”. In-nar jidhrilna bħala tentatur ukoll u tinteressani immens allura l-għażla tal-kelma “ilsien tan-nar”. Seta’ faċilment kiteb nar biss; imma l-kelma lsien għandha konnotazzjonijiet iktar fertili marbutin ma’ seduzzjoni, ma’ fjamma ħamra tħeġġeġ, l-istess bħall-ward li jħeġġeġ fl-ewwel strofa. U l-istess bħall-ward ukoll, fil-fatt, l-ilsien tan-nar jista’ jkun delikat imma wkoll iferi.

Meta jersaq tant qrib, lanqas hu tort tiegħu għax l-ilsien huwa qarrieqi u l-ħedla tirbħu. Donnu l-farfett huwa ddestinat minn forzi mbiegħda minnu biex jgħaddi minn din l-agunija. U jippreparana għat-tmiem imbagħad bl-elissi … imma dan tmiem li xorta m’aħniex lesti għalih. Anke jekk tħabbrilna sa mit-titlu. U allura fl-aħħar żewġ versi jaħsduna. Il-logħba tal-farfett lilna ssirilna luttu. Din is-sbuħija kollha, tal-farfett, u anke tan-nar innifsu, li hu sabiħ, il-fjamma sabiħa, tinbidel fi traġedja. U nifhmu l-mewt. Din hi l-mewt li kien qed jitkellem fuqha l-ħin kollu u donnu ma rajnihiex ġejja. U meta tiġi taħsadna u ttina dehxa. Dejjem hekk il-mewt fil-fatt, meta tasal, dejjem taqbadna fuq sieq waħda u qatt m’aħna lesti għaliha, inevitabbli kemm hi inevitabbli.

Din l-eleġija interessanti wkoll għax taqbad avveniment xjentifiku u trendih artistiku. Jiġifieri huwa fatt li l-friefet jinġibdu lejn id-dawl, bl-Ingliż ngħidu “drawn like a moth to a flame”. Interessanti iktar minn hekk, f’dan il-kuntest allura, l-għażla tal-kelma “farfett”. Għax dik li tinġibed lejn il-fjamma, hija fil-fatt, il-baħrija. Paul Portelli jagħmel din id-distinzjoni f’artiklu ta’ The Times of Malta meta jikteb: “For many Maltese a moth is a baħrija but for others especially country people who learnt about nature from their parents, moths are known as farfett ta’ bil-lejl (butterfly of the night) or just farfett. ” Hija proprju l-baħrija li għal raġunijiet differenti tinġibed lejn id-dawl tal-qamar li jiggwidaha, forsi għax id-dawl tal-fjamma huwa seduċenti, forsi għax jużaw id-dawl bħala kumpass. Dawn il-possibiltajiet kollha jsiru espressjoni artistika mogħnija bl-emozzjoni li tqanqal kompassjoni u simpatija lejn dan il-farfett ta’ Dun Karm, iktar milli tibqa’ spjegazzjoni loġika u bla lewn.

It-tema tal-mewt tintrigani ħafna u għalhekk għażilt din il-poeżija wkoll. Din l-inevittabbiltà tal-mewt tirrestrinġina daqskemm toffri possibiltajiet oħra. Aħna l’aħna fraġli bħall-farfett. Aħna li nibidlu bħalna. Aħna li l-mewt inevitabbli għalina, daqskemm hi għalih.

Grazzi ħafna lid-Dipartiment tal-Malti fl-Università

Deskrizzjoni ta’ Prof. Adrian Grima, kordinatur tal-proġett:

Id-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta' Malta jippreżenta l-poeżija ta' Dun Karm, "Mewt," b'qari u kumment ta' Leanne Ellul. Filmat miġbud fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta biex ifakkar il-150 sena mit-twelid ta' Dun Karm Psaila (Ottubru 2021). Direzzjoni ta' Luke Borg.