ETIMOLOĠIJA
SRIEK
Malli r-Re lemaħ lil Furun sejjaħlu ħdejh, “Furun? Fejn? Renju Udit le jkanta sabiħ. Kantofonis velenu.” Qam bilwieqfa u qalli, “Jifhem Jake? Jibgħat xi ħadd, sriek kattivi. Joqtol. Kontofonis.” “Sriek x’inhuma?” staqsejtu jien. “Sriek?”
U probabbilment anke intom qed tistaqsu hekk. X’jaħbtu s-sriek? Forsi xi sura ta’ sriep? Tgħid ħbieb jew mhumiex? Jekk jeżistu s-sriek … jeżisti serk … wieħed? Mela isimgħu ftit.
Ħadni fil-ġnien tiegħu u wrieni pjanta twila u sabiħa imma li kienet bdiet tidbiel. Ersaqna viċin, “Jara Jake Cassar? Sriek ħodor, sriek kattivi … jara? Jaqqq!!! Kemm huma koroh is-sriek. Qishom boċoċ żgħar, ħodor, bla jdejn u bla saqajn, għajnejhom 2 boċċi żgħar suwed u ħalqhom mimli snien bil-ponta.
Mela s’issa kkonkludejna li
Koroh
Boċoċ
Żgħar
Ħodor
Bla jdejn
Bla saqajn
Għajnejhom żewġ boċċi żgħar
U għajnejhom suwed
Żgur li ma rridux insibu ruħna qalb is-sriek! U jekk niġu f’dan, lanqas noħolmu bihom. Is-sriek imorru lura għall-2009 (għalkemm min jaf kemm inħolmu qabel) u l-ewwel ktieb mis-sensiela ta’ Jake Cassar ta’ Clare Azzopardi ppubblikati minn Merlin Publishers bl-isem: Jake Cassar isalva r-Renju tar-Re Pankrazju. Minn dal-kotba hemm sensiela ta’ 10 u s-sriek jibqgħu persistenti sal-aħħar paġni tal-aħħar ktieb fl-2015: Fidelja kienet qed tistenniena quddiem il-kastell tagħha. Malli ratna bdiet titfa’ sriek fuq sriek fuq sriek.
Ngħiduha kif inhi, sitt snin sħaħ ta’ sriek mhux ċajta.
Issa dil-kelma, li tixbah ħafna lill-kelma “sriep”, diġà għarafna li ma tirreferi għall-ebda rettilu twil u rqiq u li jitkaxkar mal-art. Anzi! Jiġifieri għalkemm il-kelma “sriek” tixbah il-kelma “sriep”, is-sriek xejn ma jixbhu lis-sriep. Imma bħalhom magħrufin li kattivi u jigdmu u jibilgħu.
Bħall-plural miksur “sriep”, insibu s-”sriek” imma wkoll “bliet”, “ħbieb”, “fniek”, “kmiem” u “bwiet”. Innutaw li dan il-plural komuni mibni fuq nomi tal-istess sura wkoll. Mela huwa għalhekk li nassumu li bħalma għandna “serp” u “belt” li jagħmlu “sriep” u “bliet” għandna s-“serk” li tagħmel “sriek”.
Is-sriek huma frott l-immaġinazzjoni ta’ kittieba, li partikolarment fil-kotba tagħha għat-tfal, timraħ fil-lingwa u tagħmilha tagħha. Iġġebbidha u ġġeddidha biex toħloqha mill-ġdid, kif trid. Imma kif trid, ma jfissirx kif ġie ġie. Ifisser li tuża l-konvenzjonijiet li aħna diġà midħla tagħhom, ir-regoli li qegħdin magħġuna fina, u ttina xi ħaġa ġdida kull darba. Bħalma ttina wkoll il-Kantofonis, ir-Renju Udit u lil Furun. Kollha karattri u ismijiet li fid-dinja ċkejkna (jew kbira) tal-ktieb isiru realtà u nistgħu nifhmu l-istorja billi nimmaġinawhom u nemmnuhom.
Huwa permezz ta’ din id-dinja fittizja u kumplessa li nibdew nistaqsu jekk dawn is-sriek jeżistux verament jew le. U jekk jeżistu, humiex bħal tal-kotba jew le. U jekk ma jeżistux, kif insiru nafuhom tant li kważi nemmnu li verament jeżistu. U jibqgħu jikbru magħna.
Jiena, dawn is-sriek, nimmaġinahom qishom “venus flytrap”, il-pjanta karnivora li taħtaf l-insetti u l-araknidi u tagħmel festa sħiħa minnhom. Fil-fatt, fit-tpinġijiet ta’ Mark Scicluna, jagħtuhom lemħa. Ġużè Aquilina, fid-dizzjunarju tiegħu, jagħti deskrizzjoni tal-venus flytrap iktar milli isem wieħed għaliha: pjanta b’weraq li jagħlqu/jaqbdu fihom insetti u l-bqija. Fit-Taljan magħrufa bl-isem Latin tagħha: Dionaea muscipula. U forsi bil-Malti nibqgħu nafuha bl-isem Latin jew Ingliż? Fil-verità, jew insomma, fl-istorja, is-sriek mhumiex pjanti li jieklu l-insetti imma: eluf ta’ elufijiet kollha jieklu l-Kantofonis u jagħmlu ħsejjes ta’ tqarmiċ u tkarwit. Fl-istejjer ta’ Jake Cassar huma s-sriek li jieklu l-pjanti u mhux bil-kontra.
Minkejja li kreaturi koroh u kattivi, ikolli nammetti li qisni għandi grazzja mas-sriek. Qisni nieħu pjaċir ma naħmilhomx, bħal meta jattakkaw lil Jake Cassar: Kulħadd beda jiġri ’l hawn u ’l hemm. Kulħadd ipprova jaħrab imma tant kien hemm sriek neżlin bħax-xita, li ma ħallewniex niċċaqilqu. Jien itfajt kokka, wiċċi mal-art, nilqa’ ġo fija l-gdim tas-sriek ifferoċjat. Fil-viċin smajt ukoll id-daħka ta’ Fidelja. Imma ma kontx naf x’qed jiġri. Reġgħet ġiet, għedt f’qalbi. Issa lil min trid? Imbagħad smajt lil xi ħadd iwerżaq imma ma stajtx ngħolli rasi. Ġara kollox malajr, is-sħaba, is-sriek, id-daħka, ir-Reġina, it-twerżiqa, is-skiet. Telqu s-sriek, telqet ir-Reġina Fidelja u waqa’ s-skiet.
Is-sriek huma karattri Maltin u tal-biża’ … U l-isbaħ ħaġa dwarhom forsi hi li għandhom dan l-isem Malti, u li tant hu Malti u sar parti minnhom. U tant hu hekk, li hemm xi wħud jemmnu li jeżistu tassew. Min jaf? Illejla, qabel torqdu ċċekkjaw waħda jekk taħt is-sodda jew fuq il-gwardarobba hemmx xi ċorma sriek jistennew biex meta jfettlilhom, jagħtu s-salt …
TISLIBA
Min jaf kemm minnkom tħobbu tagħmlu xi tisliba fuq il-gazzetta jew f’xi ktieb li tixtru apposta, bil-Malti jew bl-Ingliż. Tista’ tkun waħda kriptika jew akrostika, fost l-oħrajn. Kultant tisliba jirnexxielha ssallbek hi qabel issib tarf tagħha inti …
Issa qabel ma t-tisliba kellha l-isem “tisliba” bil-Malti kienet diġà teżisti u magħrufa bħala “crossword” fl-Ingliż. Hi litteralment dak li jfissru l-kelmtejn li jiffurmawha. Fil-fatt, il-kelma “crossword” hija kelma komposta, compound word, jiġifieri kelma jew kliem li jingħaqdu flimkien u jiffurmaw kelma waħda mdakkra mit-tifsiriet tal-kliem li jsawwarha u b’tifsira waħda ġdida wkoll. Dan hu mod wieħed kif insawru n-neoloġiżmi, jiġifieri kliem maħluq ġdid f’lingwa.
Il-kelma tispjega l-kunċett li qed tirreferi għalih b’mod sempliċi, dirett u li jinftiehem. It-tisliba hija logħba bi kliem differenti li jsallab lil xulxin, waħda fl-oħra, b’mod li jekk issolvi kelma af tgħinek issolvi oħra li tkun qed taqsamha. Fil-fatt, kliem ieħor għal “tisliba” b’lingwi differenti jgħaqqad il-kliem “cross” u “word”. Bil-Franċiż “mots croisés”, bit-Taljan “cruciverba”, bl-Ispanjol “crucigrama” u bil-Ġermaniż “Kreuzworträtsel”. Bil-Malti, fil-kelma “tisliba” m’hemm ebda referenza għall-kelma nfisha, imma li hu żgur hu li l-kelma “tisliba”, li xi darba kienet neoloġiżmu, ħadet tifsira unika li tirreferi primarjament għal din il-logħba partikolari.
Jingħad li kien il-ġurnalist Arthur Wynne li vvintaha permezz ta’ dik li sejħilha “word-cross” u li dehret fil-gazzetta tal-Ħadd, in-New York World, fil-21 ta’ Diċembru 1913. Din kienet il-ħabta meta f’Malta kienu joħorġu l-gazzetti Il-Bandiera tal-Maltin, In-Naħla u Malta Malta! Kienet ukoll l-aħħar sena ta’ pubblikazzjoni għall-Malta Letteraria.
Fid-Dizzjunarju ta’ Ġużè Aquilina tingħata bħala l-ewwel tifsira għal tisliba, “a crossword”, filwaqt li t-tieni tifsira hija proprju “the act of crucifying”. Naturalment, il-kelma “crossword” mhux minn dejjem kienet l-ewwel tifsira marbuta mat-tislib. It-tifsir fid-Dizzjunarju stess mill-ewwel jurina bidla ċara fit-tifsira. Filwaqt li t-tifsira ta’ “crossword puzzle” mhix waħda mit-tifsiriet ta’ tislib, din hi t-tifsira ewlenija ta’ tisliba.
Imma, kif konna qed ngħidu, kultant ikollna bżonn nivvintaw kelma għax jinħoloq il-kunċett għaliha, jidħol fostna u nkunu għadna ma sibnilux kelma. Xi darba naddottaw il-kelma mal-oġġett u drabi oħra, naddottaw l-oġġett u tilħaq tiġi maħluqa kelma lokalment – imbagħad, dik il-formazzjoni, taqbad u tibqa’ tintuża. Hemm drabi meta tinħoloq u ma tibqax tintuża bħalma hu l-każ ta’ “mitjar” (li ħaditilha postha l-kelma “ajruport” u aktarx illum “airport”) u drabi oħra meta taqbad tassew, bħal “stessu”. Kemm kelma taqbad jew le … iż-żmien itina parir u m’hemm xejn li jista’ jimponiha ħlief kemm il-kelliema jħaddmuha jew le.
Bil-Malti, kien Ġużè Aquilina stess li ħoloq din il-kelma għall-gazzetta Il-Berqa li bdiet toħroġ fid-29 ta' Jannar 1932 u waqfet toħroġ fit-30 ta' Novembru 1968. Il-Berqa kienet parti minn gazzetta bilingwi li eventwalment l-parti Ingliża tagħha wasslet għal The Times of Malta Weekly u aktar tard għal The Sunday Times of Malta. Bħalma għandna n-nom verbali tal-unità “tindifa” marbut ma’ “naddaf”, u “taqliba” marbut ma’ “qalleb”, u “tiżliġa” marbut ma’ “żelleġ” – Aquilina ħoloq “tisliba” marbut ma’ “sallab”. Dionisius Agius, f’“Maltese Verbal Nouns: Morphological Innovations” jikteb li rrikostruzzjonijiet morfoloġiċi jagħtu lok għal diversi regoli fosthom iż-żieda tal-prefiss ti- jew te- ma’ kliem ta’ nisel Semitiku bħal tisliba minn salib.
Għall-Malti, l-isfida li joħloq kliem ġdid hija kbira, mhux għax m’hemmx mekkaniżmi kreattivi li bihom jista’ jinħoloq kliem ġdid, iżda għax faċli nduru għall-Ingliż u nassorbu kliem maħluq u lest. Fil-fatt, spiss jiġri li meta jinħoloq oġġett ġdid jidħol b’ismu lest miegħu u l-familjarità tagħna mal-Ingliż twassalna biex ma noqogħdux nippruvaw nsibu alternattivi oħrajn. Aktarx il-Malti jitgħażżen u jitnikker minflok jissielet biex joħloq kliem bil-mezzi li diġà għandu disponibbli għalih.
F’“The Problems of a Bilingual Dictionary”, Aquilina jenfasizza li l-Maltin isibuha diffiċli joħlqu kliem ġdid bi lsienhom u jippreferu jintegraw kliem barrani fis-sistema lingwistika, aspett li tiddiskutih Cheriseann Grech fl-2016 fit-teżi tal-Baċellerat tagħha “Paragun bejn it-tagħrif fid-dizzjunarju ta’ Aquilina u fl-MLRS dwar kliem magħżul”. L-MLRS jiġifieri l-Korpus Malti, ħażna ta’ testi magħrufa bħala l-Maltese Language Resource Server, jew MLRS fil-qosor.
Mela dik li xi darba kienet neoloġiżmu, issa saret parti mit-tessut tagħha u tant hu hekk, li aktarx, l-unika tifsira li tiġi f’moħħna meta ngħidu tisliba hi biss dik ta’ crossword. Bħalma tgħallimna l-istorja, għall-ewwel, kelma aktarx li ssib reżistenza, iżda maż-żmien tindara u ssir parti mill-vokabolarju tagħna, bħalma ġara bil-kelma “tisliba”.
Għaliex għażilt din il-kelma? Għax irriċerkajtha kemm fit-teżi tal-Masters, In-Nomi Verbali fil-Malti u aktar tard mil-lenti tan-neoloġiżmi fl-istudju “In-Neoloġiżmi fil-Malti: Il-Lingwa bħala Għodda Mingħajr Fruntieri.” Imma fuq kollox, għax nemmen bi sħiħ fil-lingwa bħala att kreattiv li permezz tiegħu ma nitgħażżnux u nesprimu ruħna bl-iktar mod preċiż possibbli, iżda wkoll kreattiv.
TPINĠIJA
Kien hemm żmien meta kont nistudja l-lingwa filgħodu u filgħaxija. L-iktar il-morfoloġija. Jiġifieri l-grammatika tal-lingwa. Daqqa n-nomi tal-aġent, daqqa l-aġġettivi, daqqa l-kwadrilitteri u mbagħad in-nomi verbali. Dawn l-aħħar tnejn studjajthom f’iktar dettall għax l-ewwel teżi tiegħi ffukat fuq il-verbi kwadrilitteri u t-tieni waħda, fuq in-nomi verbali. Issa “tpinġija” kelma li nistgħu nanalizzawha mil-lenti tat-tnejn li huma.
Il-kelma “pinġa” li minnha tiġi “tpinġija” mill-Isqalli “pingiri” jew mit-Taljan “pingere”. Kif ġara fil-każ ta’ diversi kliem mit-Taljan li daħal fil-Malti kmieni, qagħad għall-forom Għarab faċilment. Dik il-ħabta, bejn li l-istrutturi grammatikali li konna addottajna mill-Għarbi kienu b’saħħithom f’moħħna u bejn li ċertu kliem kien jislef ruħu aħjar għall-forom Għarab, anke kliem li mhux Semitiku tajnieh bixra Semitika. Qisnieh daqslikieku Għarbi. Verament għamilnieh tagħna.
U hekk ġara bil-kelma “pinġa”, qisnieha, ngħidu aħna, bħall-verb kwadrilitteru nieqes “fisqa”. Dawn huma l-verbi li l-Professur Manwel Mifsud fl-istudju tiegħu “Loan Verbs in Maltese” iqis bħala tat-tip B, jiġifieri verbi li z-zokk tagħhom jixbah lil dak ta’ verbi Semitiċi u verbi li ma jirduppjawx l-ewwel konsonanti. Dal-verb, “pinġa”, tant daħal parti mil-lingwa, li bħalma verb bħal “fisqa” ngħidu li għandu l-għerq FSQJ, il-verb pinġa ngħidu li għandu l-għerq “PNĠJ”, bħal verbi kwadrilitteri neqsin oħrajn.
Issa meta niġu għal “tpinġija” li naturalment hija formazzjoni ta’ żvilupp lokali, ninnutaw li n-nom verbali kwadrilitteru huwa msejjes fuq mudelli ta’ nomi verbali Semitiċi wkoll (t1v23īja), simili għal nomi verbali bħal “twissija”. Illum il-ġurnata, il-klassi ta’ nom verbali bħal dan inqisuha magħluqa, għax m’għadhomx jinħolqu jew jiżdiedu eżempji ġodda permezz ta’ dan il-proċess grammatikali. Imma nsibu numru ta’ nomi verbali kwadrilitteri b’din il-forma (u li l-verb tagħhom writtnieh mit-Taljan) bħal “tkomplija”.
Interessanti li nom verbali bis-sura ta’ “tpinġija” (t1v23ı̄ja) hu eżempju ta’ forma li n-nomi verbali li jeħduha jistgħu jiġu interpretati bħala nomi verbali kollettivi jew nomi verbali tal-unità. Jiġifieri jekk ngħidu: Il-parteċipanti ser ikunu jistgħu jieħdu sehem f’attivitajiet bħal tpinġija, crafts u ħruġ f’postijiet ta’ interess li jnibbtu fihom l-għatx għall-kitba nifhmu biha attività ta’ tpinġija ġenerika u jew/astratta, filwaqt li jekk ngħidu It-tnax-il tpinġija li hemm fil-ktieb għamluhom Raphael Vella u Adrian Mamo, nifhmu biha tpinġija speċifika. F’dan il-każ, f’dawn iż-żewġ eżempji misluta mill-MLRS, il-korpus tal-Malti, il-kuntest huwa dak li jagħmel id-differenza kollha.
Il-kelma “tpinġija” insibha interessanti u fertili għax fuq kollox polisemika. Mela tista’ tfisser tpinġija li pinġa xi ħadd fuq karta jew fuq tila, imma biż-żmien saret tfisser ukoll tatwaġġ. Aktarx li llum ma tantx għadna nużaw “tpinġija” bit-tieni tifsira; lanqas “tatwaġġ” ma nużaw wisq. Nużaw l-iktar “tattoo”.
Ikun xi jkun il-każ, xi wħud żgur jittamaw li wliedhom iktar ma jikbru jibqgħu jinvestu fi tpinġija fuq xi pitazz, milli fuq xi ġisem matnazz.
KAŻINATA
Tiftixa sempliċi fuq Google ttina kemm-il każinata: każinata tal-Każin tal-Werqa f’Ħal Qormi, każinata tal-Għaqda tal-Malti f’Ħal Lija, każinata tal-grupp SKALI, il-Gudja, każinata ta’ Jon Mallia … Interessanti li l-eżempju każinata ntuża għall-ewwel darba minn għaqda studenteska u minn dak iż-żmien ’l hawn diversi għaqdiet studenteski u għaqdiet oħrajn addottaw u ħaddmu dan l-isem biex ifissru laqgħa ġewwa l-Każin li ġeneralment tinvolvi xi tip ta’ xorb.
Suffissi bħal -ata jiena jaffaxxinawni. Huma morfemi dipendenti tant ċkejknin imma li jaqbdu fihom tant tifsir u f’każ bħal dan huma produttivi. Aħsbu ftit, kemm-il kelma b’-ata tafu?
Jekk infittxu ftit fl-MLRS jiġifieri l-Korpus Malti, ħażna ta’ testi magħrufa bħala l-Maltese Language Resource Server insibu parlata, xalata, parata … Jista’ jkollna wkoll fenkata u ċipsata. Naturalment, mhux kull kelma li tispiċċa -ata tappartjeni għal dal-grupp ta’ kliem, ngħidu aħna iċċassata, stumblata jew ankrata huma partiċipji passivi fil-femminil. Anke ċikkulata, karreġġjata u ħjata, avolja jispiċċaw b’-ata, m’għandhomx xejn x’jaqsmu u f’dan il-każ huma sempliċement nomi. Kelma bħal ċuċata u buffunata mbagħad għandhom anke konnotazzjoni negattiva.
Imma aħna qed nitkellmu dwar -ata li meta tingħaqad ma’ kelma jew zokk trodd kelma li tirreferi għal xi tip ta’ attività. Dan is-suffiss proprju jibdel il-verb f’nom li jalludi għal dik l-attività partikolari; minn spagetti nagħmlu spagettata … u minn każin … każinata!
Il-kelma każin ġejja mit-Taljan; minn kliem bħal casamento, casata, casino, casina. Ġużè Aquilina jgħid li l-parti tal-kelma “casa” tidher bħala l-komponent ewlieni tal-kelma “casa bottega” u tirreferi għall-ħanut li kien ikun fuq quddiem ta’ dar privata. Il-kelma “każin” jittraduċiha każin bħala casino u club. Is-suffiss “-ata” li wkoll ħadnieh mit-Taljan skont id-dizzjunarju Treccani huwa suffiss derivattiv ta’ nomi li ġejjin mill-verbi u jagħti eżempji fit-Taljan li żgur idoqqulna fil-Malti wkoll bħal telefonata, entrata, fermata, gettata, u portata. Fil-fatt, fit-Taljan stess insibu diversi tifsiriet għas-suffiss -ata, u li mhux se nidħlu fihom hawnhekk.
Kelma bħal “xemxata” eċitanti għax tgħaqqad kelma mill-Għarbi ma’ suffiss Taljan – li appuntu turina kemm hu suffiss produttiv. Imma l-kelma “każinata” daqstant ieħor interessanti għax minkejja li hija l-frott ta’ zokk mit-Taljan u anke suffiss mit-Taljan, żviluppat lokalment.
Fl-istudju tiegħu “The language of young people and language change in Maltese”, il-Professur Ray Fabri jsemmi l-eżempji żiblata u miġnunata. Wieħed dejjem jittama li każinata ma tinbidilx f’żiblata! Iż-żgħażagħ huma ċentrali biex joħolqu kelmiet ġodda fil-lingwa, dak li nsejħulhom neoloġiżmi. Anke jekk dal-kliem jintesa malajr, huwa eżerċizzju fil-kreattiva tal-bniedem u t-tiġdid tal-lingwa. Fl-istudju tiegħi “In-Neoloġiżmi fil-Malti: Il-Lingwa bħala Għodda mingħajr Fruntieri” nsemmi l-eżempju riċenti bebbuxata flimkien ma’ kliem ieħor li jispiċċa b’-ata u li ma jirreferix għal attività bħal bjondata u fruttata.
Min jaf kemm-il kelma oħra nistgħu noħolqu b’-ata? Pereżempju llum, jiena, ikolli ngħid li qed nagħmel programmata … għax bejnietna (mhux jismagħna ħadd) … qed nirrekordja iżjed minn programm wieħed f’daqqa.
MESMES
Meta kont inkun kilt xi ċikkulata u b’idejja kollha mdellkin immur immiss lil nannti, kienet tgħidli: “toqgħodx tmeslaħ miegħi, se tiġi tmesmes miegħi wkoll.” Kemm hi sabiħa l-kelma “mesmes”. Filwaqt li l-kelma “mess” ġejja mill-Għarbi li bħall-Malti tfisser to touch, “mesmes” tfisser li tmiss għal kemm-il darba. Din il-kelma analizzajtha mill-qrib fl-ewwel teżi tiegħi, tal-2010, taħt is-supervizjoni tal-Professur Manwel Mifsud u li kien jisimha “Il-Verbi Kwadrilitteri fil-Malti”.
Jeżistu tipi ta’ verbi kwadrilitteri differenti fil-Malti imma li kollha, għax huma kwadrilitteri għandhom 4 konsonanti tal-għerq u t-tieni u t-tielet konsonanti mhumiex l-istess. Fost l-iktar kwadrilitteri interessanti nsib dawk onomatopejċi, li jimitaw ħoss, bħal “fesfes” u dawk li nsejħulhom iterattivi, jiġifieri t-tieni sillaba tkun bħall-ewwel waħda bħal “fesfes” stess imma wkoll bħal “gerger” u “peċpeċ”. Kif qed tinnutaw xi verbi iterattivi jistgħu jkunu wkoll onomatopejċi imma mhux kollha (bħal peċpeċ) u xi verbi onomatopejċi jistgħu jkunu wkoll iterattivi iżda mhux kollha (bħal barqam).
Fix-xogħol tiegħu, “The Triliterality of Quadriliterals in Semitic Maltese” Erin Serracino-Inglott jisħaq li l-kwadrilitteri huma biss żvilupp fuq it-trilitteri, jiġifieri l-kwadrilitteri kollha li ħadna mis-Semitiku xi darba kienu trilitteri. Diversi studjużi jisħqu li wieħed mill-proċessi li bihom jinħolqu l-kwadrilitteri huwa permezz tar-riduplikazzjoni (i) mingħajr xi rabta apparenti ma’ xi verb ieħor bħal farfar jew (ii) b’rabta ċara ma’ verb trux bħal mess > mesmes. Ġużè Aquilina, fid-dizzjunarju tiegħu, il-verb mesmes jagħtih bħala varjazzjoni tal-verb messes meqjus tat-tieni forma trilittera.
Semantikament, għadd ta’ verbi bis-sekwenza konsonantali 1212 huma onomatopejċi. Verbi oħrajn b’din is-sekwenza huma iterattivi. Ngħidu aħna, Sutcliffe jagħmel distinzjoni bejn verbi b’tifsira onomatopejka bħal żanżan u verbi b’tifsira iterattiva bħal petpet. Interessanti li t-tifsira iterattiva tidher fil-proċess tal-ħolqien tal-verb. Hekk minn mess, li tfisser ‘mess għal darba’, joħroġ mesmes li tfisser ‘mess kemm-il darba’. Din is-sekwenza nsibuha wkoll fl-Għarbi Standard u d-djaletti tiegħu. Fl-Għarbi Standard jagħżlu bejn verbi onomatopejċi bħal waswas ‘fesfes’, verbi intensifikattivi bħal qasqas ‘qatta’ f’biċċiet żgħar’ u verbi li jirreferu għal moviment ripetut bħal zalzala ‘heżżeż’ filwaqt li fid-djaletti tal-Għarbi jagħżlu verbi diminittuvi jew iterattivi. Stephen Ullmann jaqsam il-verbi onomatopejċi fi tnejn (i) il-verbi onomatopejċi primarji bħal qaħqaħ u (ii) il-verbi onomatopejċi sekondarji bħal mesmes. Tal-aħħar, jgħid Ullmann, ma jroddux esperjenza akustika iżda waħda movimentali. Dan iħassibna dwar jekk dawn il-verbi humiex verament onomatopejċi.
Il-kelma “mesmes” ġeneralment għandha konnotazzjoni negattiva bħall-eżempji li nsibu fl-MLRS, il-korpus Malti: Min jaf xi jkun għaddej fid-dipartiment u min jaf min ikun mesmes f'dak il-file u poġġih f'post ieħor biex ma jinstabx! Jiena nagħżel li nibqa’ nassoċja “mesmes” mal-memorja ħelwa ta’ nannti, hi u tħarisli bl-ikrah biex ma mmurx immesmes magħha b’idejja kollha tidlik u tiċlis!
SELLEĠ
Is-sabiħ tal-lingwa li noħolqu l-kliem, dal-kliem jaqdina — jiġifieri jaqdi l-att tal-komunikazzjoni bejn min qed iwassal il-messaġġ u min qed jirċevih — u jaqdina għaliex ikun imsejjes fuq forom tal-lingwa li aħna midħla tagħhom diġà. Jekk nieħdu l-kelma silġ, insibu li huwa nom li ġej mill-Għarbi, bis-singular tiegħu silġa. Jintuża b’mod litterali għas-silġ meta jagħmel waqt xi maltempata u għas-silġ li nitfgħu fit-tazza ħa nkessħu x-xarba tagħna. U tintuża b’mod metaforiku għal meta nkunu qed inħossu ħafna bard u ngħidu li jdejna saru silġ. Hemm l-imkien imsejjaħ Tas-Silġ, f’Marsaxlokk, u kif jindika Aquilina, hemm użi oħra għall-kelma silġ, ngħidu aħna Ta’ Sannat u Għajnsielem il-kelma tas-silġ jużawha għal waħda miż-żibeġ tal-logħob tat-tfal magħmula minn ħġieġ trasparenti.
F’dal-każ il-kelma silġ qed neħodha bħala kelma bit-tifsira mill-iktar ġenerika. Magħha norbtu kliem bħal borra, pereżempju … iżda mhix sorpriża li fil-Malti m’għandniex wisq kliem għal tipi ta’ silġ differenti. It-temperaturi tagħna ma jinkoraġġixxux dil-klima ta’ kliem. Fl-Iżvediż jingħad li hemm mal-25 kelma għas-silġ, fl-Iżlandiż 46 kelma, u fis-Saami hemm iktar minn 175 kelma. Xejn ma kienet faċli għat-tradutturi tagħna fi Brussell u Lussemburgu meta kellhom jibdew jittraduċu kliem minn lingwi oħra għall-Malti marbut mas-silġ, meta tqis li l-lingwa tagħna mhix daqstant speċjalizzata f’dal-qasam. Fejn jidħol il-kliem marbut mas-silġ, ktieb għal qalbi immens huwa Fifty words for snow ta’ Nancy Campbell, li fih taqbad 50 kelma għas-silġ minn lingwi differenti u tagħti l-istorja ta’ kull waħda b’mod poetiku għall-aħħar.
Interessanti kif il-kelma silġ tintuża fil-poeżija. Minnu nnifsu huwa simbolu ta’ riġidità u bruda. Pereżempju l-poeżija li niftakar fiha pront pront tkun “Demgħat tas-silġ” ta’ Mario Azzopardi; poeżija dwar ir-relazzjoni familjari li taqbad it-tensjoni bejn is-sħana u l-likwidità tad-demgħat u l-kesħa u l-passività tas-silġ. Ossimoro fl-aqwa tiegħu li jfisser l-impossibiltà fl-intimità. Imma hemm poeti oħra li jużaw il-kelma silġ f’diversi suriet. Ngħidu aħna, Glen Calleja mhux aljen għas-silġ. Snin ilu niseġ il-poeżija “Sebat ijiem borra” li llum il-ġurnata tistgħu taqrawha u tisimgħu bħala parti mill-Mixja Letterarja fi ħdan il-proġett Raħal il-Letteratura fir-Rabat, organizzat minn Fondazzjoni HELA. Imbagħad, fl-2017, flimkien ma’ Marco Cremona ħareġ il-memoir Sal-Quċċata tal-Everest. Imma l-iktar kelma li tinteressani hawnhekk, lanqas mhi l-kelma silġ, jew borra, jew Everest. Hija l-kelma selleġ.
Dan-neoloġiżmu, Glen Calleja, jinsġu fit-tielet persuna singular fl-imperfett fil-poeżija “tini. sib. trid. dawwal. armi.” parti mill proġett tal-2014, EX VOTO, tal-artist Ryan Falzon. Il-ħila ta’ Calleja għan-neoloġiżmi hija kbira, u hawnhekk, xejn inqas. Fit-tielet parti tal-poeżija marbuta mal-verb trid jikteb hekk:
iii.
trid tibda mawrietek fis-salott tar-Reġim
trid tagħraf, b'xagħrek quddiem għajnejk, xi jfissru ċerta tkaken u t-toqol tal-pass
fejn u kif u għal min jaqgħa w jieqaf u xi jħalli wara dahru
trid titgħallem taqra l-isdra immedaljati
trid tmissilhom biżlejhom imqajma minn fuq il-flokk
biex jiftħu kamra kliem protett
trid tmiss l-ilma u ssellġu u toħloq gżejjer t'ambjent naturali pristin
safi, dik il-kelma li ridt
Jiġifieri taqbad l-ilma u tagħmlu silġ. Sempliċi meta taħseb fiha u forsi ħaġa tal-iskantament kif ma nużawhiex daqstant. Fil-kuntest tal-poeżija, hija kelma mgħobbija bit-tifsiriet u s-simboliżmi tas-silġ imma tagħti aġenzija lill-kelma marbuta ma’ statiċità; in-nom isir verb u jikseb moviment. Mhux la lakemm tgħid verb hux ġej minn nom jew nom hux ġej minn verb. Insibu l-kelma xemx pereżempju, li neħduha bħala l-ewlenija u minnha tnissel il-verb xemmex. F’dal-każ, għal temperaturi iktar kesħin, minn silġ, għandna wkoll il-possibiltà ta’ selleġ.
Ngħid għalija, meta naqra fuq in-neoloġiżmi dejjem jaqbadni l-bard.
DEJAVUWIJIET
Forsi għal ħafna minnha l-kelma déjà vu hija l-memorja tas-serje ta’ Eileen Montesin tal-2011 jew il-kanzunetta tal-2015 ta’ Eurovision ta’ Olivia Lewis. Imma llum mhux se noqogħdu nkantaw. Se naraw ftit l-oriġini ta’ dil-kelma.
Minn ħossha stess, nistgħu nassumu li déjà vu hija kelma Franċiża u tfisser li tkun rajt diġà. Huwa terminu li possibilment ġie maħluq mill-filosfu Franċiż Émile Boirac f’ittra lill-editur ta’ Revue Philosophique de la France et de l'Étranger fl-1876. Boirac jispekula li għandu mnejn il-fdalijiet ta’ perċezzjonijiet li ilhom li ntesew joħolqu dis-sensazzjoni ta’ déjà vu.
Fil-Malti, hija waħda minn numru ta’ kelmiet li oriġinarjament ġejjin mill-Franċiż bħal bonġu u bonswa. Fil-Malti déjà vu ħadnieha kif inhi u tintuża f’kuntesti speċifiċi ħafna. Barbara Hunt Lazerson tikkummenta fuq il-kelma Franċiża, jew żewġ kelmiet, li daħlu fil-lingwa Ingliża fl-1903 skont id-Dizzjunarju tal-Etimoloġija ta’ Barnhart. Hemm kemm-il kelma oħra Franċiża li daħlet fl-Ingliż u tintuża fil-Malti wkoll bħal: balè, baguette u klixè.
Fl-Ingliż, déjà vu daħlet bħala terminu psikoloġiku għal sentiment illużorju tal-fatt li qisek diġà tkun esperjenzajt xi ħaġa li qed tiġri għall-ewwel darba. Hunt Lazerson tkompli tgħid li hija kelma li tirreferi għal fenomenu meqjus bħala sopranaturali. Skont Gelman hija bħal “memorja falza”. Mela minnha nfisha hija esperjenza skomda jew li tista’ tiddiżorjenta lil dak li jkun. Aħseb u ara jekk ikollok ħafna minnha …
L-MLRS jiġifieri l-Korpus Malti, ħażna ta’ testi magħrufa bħala l-Maltese Language Resource Server, jew MLRS fil-qosor, insibu eżempji f’dokument tal-Unjoni Ewropea bħal: Dan każ terribbli ta’ déjà vu – stqarr Pötterin fuq iż-żieda tal-ġlied f’Gaza. Jew insibu eżempju ieħor minn diskors fil-Parlament li jgħid hekk: dawn iż-żminijiet is- sena l-oħra għamilna l-istess dibattitu. Jiġifieri huwa ftit déjà vu meta terġa' ġġib riżoluzzjoni li nkunu qbilna fuqha …
Jinteressani ferm il-plural ta’ din il-kelma kif użat minn Walid Nabhan. Fil-ktiba tiegħi tal-2018, “In-Neoloġiżmi fil-Malti: Il-Lingwa bħala Għodda Mingħajr Fruntieri”, kont ħarist lejn numru ta’ neoloġiżmi, fosthom dawk minsuġa minn Nabhan fil-ktieb tal-poeżiji Fi Triqti Lejha tal-2014 li ta’ “kelliem nattiv tal-Għarbi … għandu aċċess ikbar għall-mekkaniżmi Semitiċi.” Filwaqt li “il-morfoloġija konkatenattiva tiffaċilita l-ħolqien ta’ kliem ġdid jew kliem użat b’mod ġdid”, Nabhan “juża l-plural -ijiet biex irendi plural il-kliem li mhux soltu nużawh fil-plural bħal imniħrijiet, ekujiet u fuq kollox dejavuwijiet. Fil-poeżija “Ilek ma tikteb poeżija?” mill-ġabra Fi Triqti Lejha, Nabhan jikteb hekk:
“D” għad-deżolazzjoni u d-dnubiet dommatiċi, daħka,
dulur, dmugħ u dejavuwijiet; dinja; dawra dwejra u durella. (20)
Interessanti kif jgħaqqad iż-żewġ kelmiet ta’ nisel mhux Semitiku f’kelma waħda u jikkonsolidahom iktar u iktar permezz tal-plural ta’ nisel Semitiku.
Wara dejavuwijiet … min jaf xi jmiss?
QANPEN
Bl-Ingliż ngħidu: “Does it ring a bell?” Iddoqqilkom il-kelma jqanpnu? Jekk forsi le, il-kelma “qanpiena” jew “qniepen” (li ġieli tingħad “qniepel”) żgur li midħla tagħna u forsi tużawha u forsi tgħożżu għal xiex tirreferi …
In-nom “qanpiena” ġej mill-kelma ta’ nisel Sqalli/Taljan: “campana”. Is-suriet diminuttivi u verbali tal-kelma mbagħad huma suriet li nħolqu lokalment. Aquilina jfisser il-verb iqanpen bħala: ikejjel il-fond tal-baħar b’biċċa ċomba f’forma ta’ qanpiena marbuta ta’ xliefa tas-sajd. Imma l-poeta u kittieb Mario Azzopardi, jużaha mod ieħor.
Dan huwa wieħed mill-verbi li rriċerkajt fl-ewwel teżi tiegħi tal-2010 li kienet iġġib l-isem Il-Verbi Kwadrilitteri fil-Malti. Qanpen huwa wieħed mill-verbi li beda bħala nom mit-Taljan u ġie ffurmat fuq sura ta’ verb kwadrilitteri b’erba’ konsonanti tal-għerq differenti minn xulxin fuq il-mudell ta’ verbi kwadrilitteri li diġà kienu jinsabu fil-lingwa bħal “xeblek” jew “bagħbas”.
Fil-każ tal-kwadrilitteri, Manwel Mifsud jikteb li l-proċess li bih niffurmaw il-kwadrilitteri m’għadux jiġi mħaddem mill-poplu, “tant li dawk il-ftit verbi kwadrilitteri sħaħ iffurmati riċentement b’dan il-proċess jinstabu l-aktar fil-letteratura”. Iżda hemm ftit waqtiet prezzjużi, speċjalment fil-poeżija, li jirregalawna kliem bħal “iqanpen”, jew “iqanpnu”:
Fil-poeżija “Assedju- Stil 1967”, Mario Azzopardi, jikteb hekk:
fuq kull kampnar il-landi mtaqqba
tat-tradizzjoni jqanpnu
l-assedju tal-elfdisamija
Interessanti kif ma jsemmix il-kelma “qanpiena”; minflok juża x-xbieha tal-landi mtaqqba biex jirreferi għall-qniepen fuq il-kampnar — fil-fatt peremzz tal-kampnar l-assoċjazzjoni tal-landi mal-qniepen tissaħħaħ — u għax il-landi, minnha nfisha kelma b’konnotazzjoni negattiva terġa’ u tgħid huma mtaqqba, bħal ineżżagħhom minn ġieħhom. Il-qniepen li ħafna drabi huma l-ħabbara ta’ bxariet tajba jew jintużaw fil-kuntest ta’ ċelebrazzjoni, hawnhekk qed jiddeċelebraw assedju li hu ta’ tip ieħor. Fl-istess waqt, ifakkarna li dawn il-landi huma qniepen għax, fil-fatt: iqanpnu.
FTAJJARIJA
Meta nkun barra minn Malta, l-hena tiegħi nieħu r-ritratti tal-ismijiet tal-ħwienet. Nogħxa nara kemm huma kreattivi f’lingwi oħrajn speċjalment meta jiġu biex jirreferu għal ħwienet partikolari bħal: Shoetique f’Zagreb, Papelaria fil-Portugall, Omletterie f’Olanda, Serrurerie bil-Franċiż kif anke jidher fil-film ta’ Wes Anderson, The Frech Dispatch, u ismijiet ta’ ħwienet oħra Taljani bħal: drogheria, perlineria u yogurteria.
U bil-Malti? Bil-Malti għandna l-kostruzzjoni tal- li taqdina diversi drabi. Hija prattika u hija tagħna, bħal meta ngħidu: tal-laħam, tal-ħaxix, tal-ħut, tax-xagħar … Ġieli nirreferu għall-post bl-isem tal-aġent bħal hairdresser jew l-iskarpan: sejra s’għand il-hairdresser jew sejra għand l-iskarpan. Imma fil-Malti għandna wkoll is-suffiss -erija jew -arija li jidhirli li ma tantx inkunu kreattivi bih. Imdorrijin għal ħwienet li huma ġelaterija, spiżerija, librerija, birrerija, biċċerija u stamperija. Aktarx ċerti kelmiet daħlu bħala kelma waħda għall-isem tal-post.
Insibu ftit każijiet ta’ ħwienet li ddakkru dil-kreattività bħal -erija, bħal snackerija (illum magħluq), u pulpetterija. Meta naħsbu ftit fuqha, is-suffiss -erija huwa prattiku daqs il-partiċella u l-artiklu tal-. Tal- tmur fuq quddiem, u -erija tmur fuq wara. Mela għaliex m’għandniex laħmerija flok tal-laħam, jew fornerija flok tal-forn? Tgħid għaliex il-ħwienet speċjalizzati naqsu wkoll? Jew forsi għaliex ċerti ħwienet hemm ċans li jinftiehmu bħala l-lok ta’ xi ħaġa oħra. Laħmerija faċli tinftiehem bħala l-lok li fih isiru l-ħmerijiet u fornerija bħala l-lok li fih tforni xi ħaġa. Jekk niġu f’dan, spiżerija ma tistax tinftiehem bħala l-lok li fih ssir spiża kbira? Fil-fatt ħafna drabi jiġri. Nonfqu spiża kbira għand l-ispiżjar, għalkemm il-kelma qatt ma nħawduha ma’ dik b’tifsira li mhix tal-post li minnu tixtri l-mediċina.
Il-punt tiegħi hu li daqskemm il-formazzjoni bit-tal- taqdina u taqdina tajjeb, is-suffiss -erija jista’ jaqdina wkoll, u huwa mod kreattiv ta’ kif il-lingwa tiġġedded. Fil-każ ta’ kelma bħal ftajjarija kellna: ftira li tirreferi għal ħobż tond u ċatt u li ġiet mill-verb fatar, verb mill-Għarbi li jfisser li tieħu l-kolazzjon. Minn dan-nom mill-Għarbi u das-suffiss mit-Taljan, malajr kellna restorant Malti li ħoloq dil-kelma għalih innifsu u li llum pjuttost jiġi identifikat minnha: il-ftajjarija.
Sadanittant, inkomplu ngawdu l-wirt intanġibbli tal-UNESCO li hi l-ftira u naħsbu jekk qattx xi darba jkollniex xi zalzetterija, xi ċikkulaterija u xi wiskerija.
GELBEL
Fl-2010 lestejt ir-riċerka tal-ewwel tiegħi tiegħi Il-Verbi Kwadrilitteri fil-Malti. Fit-teżi tiegħi rreferejt għal dan li ġej:
Is-sekwenza 1232 għad li ma nsibuhiex fl-Għarbi Standard sibtha fid-djalett Jemenit u fil-Malti. Din it-tagħrifa tista’ tkun ta’ xhieda li l-Malti ma nbeniex sempliċiment fuq l-Għarbi imma fuq Għarbi djalettali li diġà kien imbiegħed mil-lingwa-omm. Serracino-Inglott jiftaħ din is-sura fi kliem meta jgħid li għandha t-tieni konsonanti ripetuta ngħidu aħna, gelbel minn qaleb.
Il-verb kwadrilitteru sħiħ gelbel ifisser: li tneħħi l-ħamrija magħquda mal-qamħirrun jew ħaxix ieħor biex tħokk il-ħaxix bejn idejk. Kemm hu sabiħ li għandna verb wieħed li jaqbad it-tifsira ta’ dan kollu. Xhieda ta’ kemm il-kultura agrarija kienet rikka.
Interessanti li hemm kwadrilitteri oħrajn li Aquilina fid-dizzjunarju tiegħu ma jindikax nisilhom, fosthom ċaqlem, dexken u żagrag. Oħrajn għandhom etimoloġija ambigwa. Ngħidu aħna, gelbel seta’ kien imnissel mit-Taljan Antik (gherbellare ‘għażel bir-reqqa bejn (materjal) tajjeb u ħażin’) jew mill-Għarbi (karbala ‘issepara materjal bħal weraq minn maż-żrieragħ’).
Verbi bis-sura ta’ gelbel, 1232 insibu dawk bħal ħaxwex, gedwed u żegleg. Il-kurżità għelbitni u mort infittex ftit fl-MLRS. L-MLRS jiġifieri l-Korpus Malti, ħażna ta’ testi magħrufa bħala l-Maltese Language Resource Server, jew MLRS fil-qosor. Fil-fatt dil-kelma, tant tidher li hi rari li lanqas biss insibu okkorrenza tagħha fl-MLRS.
Aktarx, bl-għelieqi jonqsu naqra naqra, dil-kelma, inqas u inqas se nkunu qegħdin nużawha …
Ħajr lil Keith Attard talli sema’ u kiteb u ġonġa flimkien. L-episodji kollha tas-seniela ETIMOLOĠIJA li ntweriet fuq TVM jinsabu hawnhekk.