bjuda
Hemm ħafna affarijiet li rrid nikteb fuqhom, u llum, f’dawn il-ġranet, bdejt mill-abjad. Nibda minn (xi) mkien abjad.
Nibda minnu mhux għax ċerta xi jfisser jew ma jfissirx. Ma nafx. Imma forsi hija din il-possibiltà nnifisha li kważi titlobni, hi, niktbu dan l-abjad. Mhux ċerta wkoll norbtux l-iktar mat-tfulija jew ix-xjuħija jew it-tnejn. Għalija, l-abjad, kontinwament konsistenti. Kien hemm l-abjad fil-brix mill-waqgħat minn fuq ir-rota, kien hemm l-abjad fil-ħajt li pinġejtu minn lewn il-mustarda mbagħad, kien hemm l-abjad fil-pastard imsajjar iżżejjed. Mhux għax fl-istess sfumatura; imma għax kienet x’kienet l-isfumatura, l-intensità baqgħet. L-abjad iferi.
Aħseb ftit meta ttebba’ flokk b’xi ħaġa. Bħalma jiġri dejjem, meta taqa’ xi ħaġa tkun ħamra u bħalma jiġri dejjem, taqa’ dejjem fuq l-abjad. Donnhom l-ilwien l-oħrajn kollha f’pika mal-abjad, intiżi li jtebbgħuh u jħassruh. Imma jekk jittebba’ l-abjad ma jitħassarx, isir biss abjad ieħor, possibiltà oħra, xorta abjad. U l-memorja tal-abjad tibqa’.
Meta ta’ sitt snin miexja fis-sebgħa għamilt il-praċett ommi kienet libbsitni sett tad-deheb veru, brazzuletta u msielet pariġġ, u magħhom għamlitli premura li ma nitlef ebda misluta u wisq inqas il-brazzuletta. Kont għadni kemm nitlef żewġ sinniet u l-unika żewġ liri li nannti qatt tatni fi triqti mingħandha għad-dar. Kantuniera bogħod. Ma ttihiex tort tassumi li kelli l-ħila nitlef kollox. Anke d-dvalja fir-reċta tal-Milied ta’ qabel, bajda u tal-bizzilla u għal qalbha, b’xi mod, għebet u baħħ u snieni ma tantx kxifthom niġri.
Fil-praċett, kont qgħadt nidħaq b’ħalqi magħluq biex fir-ritratti ma nidhirx bis-sinniet nieqsa. It-triq kollha mid-dar sal-knisja u d-dawra kollha mat-toroq tar-raħal lura l-knisja qattajtha mmiss l-ewwel il-misluta tal-lemin, imbagħad il-misluta tax-xellug u wara nħares lejn il-brazzuletta. Biex żgur ma nitlef xejn. Nafha din, għax niftakarha u għax tal-vidjo mexa miegħi t-triq kollha u ddokumenta dar-ritwal stramb imma neċessarju li wassal biex ma tlift ebda misluta u ebda brazzuletta.
Snin qabel, qabel ma bdejt nitlef il-private għall-iskola, kien jiġi għalija z-ziju Nono bil-mini minor bajda. Kull vjaġġ mid-dar sal-iskola kien avventura, bl-uniformi bajda u bluna u ċoff blu żgħir u kalzetti bojod żgħar. Il-biċċa li konna nieħdu magħna għal li jista’ jkun nagħmlu taħtna bajda wkoll kienet. Barra s-sitijiet tal-karozza u t-twapet. Kien abjad biss fejn qagħad it-trab u straħ u kien imissu ħasla. U s-saqaf. Niftakru meta kienu se jeħduni – in-nanna, in-nannu, il-mamà u Nono - darba waħda nhar ta’ Sibt filgħodu l-ġnien ta’ Tas-Sliema. Tal-inqas aħna hekk konna nafuh. Nono ġerra xi ftit, ma rax iż-żebra, żamm break bis-salt u qbiżna kollha f’daqqa waħda. Jien biss ma missejtx is-saqaf b’rasi. Kif wasalna mbagħad, kellu flixkun ilma kważi qiegħed. Kulħadd għamel ftit fuq rasu biex ma titlax gundalla u sakemm ħadd ma kien qed iħares xrobt belgħa. Snin wara qrajt studju li jgħid li l-ilma, jekk jitħalla fi fliexken tal-plastik u fix-xemx, jista’ jqabbad kanċer.
Anke x-xemx tista’ tqabbad kanċer. Ix-xemx tixrobni kull sena. Tixrobli żaqqi u ġenbejja u dahri u għonqi – ħlief saqajja. Nitbaskat fix-xemx u niskambjaw kulur. Immaġinak meta tħares lejn ix-xemx, dirett fiha, u tara abjad jgħammex, jgħammxek. Mhux aħmar jew isfar jew il-kuluri kollha tal-bejniet li konna npinġu fil-pitazzi tar-rigi dojoq u l-karti bil-watermark tal-kumpanija. Ftit ilu qrajt “The Iron Man” ta’ Ted Hughes u x-xemx jiddeskriviha hekk:
Slowly he covered the distance, getting smaller and smaller as he went. At last he landed, a ragged black shape sprawled across the sun. Everybody watched. And now they saw the monster begin to glow. Blue at first, then red, then orange. Finally, his shape was invisible, the same blazing white as the sun itself. The monster was white-hot on the sun.
Jiena niħmar u nitqaxxar u nismar fix-xemx u saqajja jibqgħu bojod, kważi abjad transluċidu, jidhru l-vini kollha minnu. Jisfida l-abjad meta jrid u kif irid.
Bħall-pannacotta, tipprova ma tħallatx il-krema tal-frott mal-krema bajda, biex xħin tinqasam tkun qisha ħalib, qisha rkotta. Abjad mill-artab u ibjed mill-abjad.
Jgħidu li l-Iżlanda mhux magħrufin għall-ikel, ma jinqalgħux daqs pajjiżi oħra. Anke għall-Ingilterra hekk jgħidu. Ma jinqalgħux ħlief għall-ħut abjad miksi bil-panura skura.
Imma meta mort l-ewwel u l-unika darba – sa issa – l-Iżlanda fl-2015 kilt l-itjeb ikel li qatt doqt. Niftakar l-insalati ħafna iktar tajbin mill-insalati Taljani. Niftakar forom u togħmiet li qatt m’erġajt doqt bħalhom. Niftakar ikel qisu sħab u meraq mod ieħor. Niftakar silġ abjad panna li qatt m’erġajt irfist fih, mhux fuqu, bħal dakinhar, dawk il-jiem. Kieku kelli mmur ngħix xi mkien għal dejjem, immur l-Iżlanda. Għall-abjad u mhux. U għax hemm wisq abjad l-iktar, u ma jkun jimporta xejn jekk jiblagħni. F’dawn il-jiem jagħlu qed nikteb fuq is-silġ għax issa rajtu u għextu, anke jekk għall-ftit. Qed nikteb differenti fuq is-silġ. Qed nikteb għax nixtiequ u rridu, mhux inħobbu. Issa naf l-inkwiet li tinqabad maltempata abjad, naf is-sabiħ li tintelaq f’abjad tajjar u tagħmel l-anġli fis-silġ. Naf il-weġgħa tal-waqgħa maż-żelqa fuq il-borra taħarbilna minn idejna.
Ir-rumanzi u l-poeżiji kollha li qrajt qabel tlajt l-Iżlanda ma baqgħu jfissru xejn ħdejn is-silġ li kont fih. La l-abjad ta’ Sjón, la ta’ Guðrún Eva Mínervudóttir, la ta’ Andri Snær Magnason, la ta’ Auður Ava Ólafsdóttir, la ta’ Bergsveinn Birgisson, la ta’ Hallgrímur Helgason u lanqas ta’ Gerdur Kristný. Meta fl-2016 Gerdur Kristný stedintha Malta, jiena u Clare Azzopardi konna qlibna għall-Malti biċċa sew minn Bloodhoof:
Memorji
borra li nagħfas
f’idejja
nagħġen f’ballun
u nwaddab
imma f’moħħi
biss
il-borra ma tistrieħx hawnhekk
Il-pont jifrex
mill-ħaxix jixxejjer
għal sħab griż duħħan
Hemm l-art tiegħi
mgeżwra f’lejl ħiemed
mgħaddsa f’silġ abjad-azzar
Hawn, il-qamar jgħasses
il-widien u x-xmajjar
f’art twelidi, minn dagħbien
ta’ għoli jistordi
Niżlet, hi, is-sunnara
f’ilma mberred mir-rebbiegħa
Ċattra ċattra s-sħab
f’wiċċ is-sema …
U kienet tkompli. L-abjad-azzar sar l-abjad tiegħi wkoll. Imbagħad il-lingwa li naħseb biha ma baqgħetx taqdini biex niddeskrivi dik l-immensità massiċċa. Ebda kelma ma tersaq qrib medda abjad bla bidu u tmiem, tistħajlu liżar abjad se jiżloq minn fuq id-dinja jekk imqar tieħu nifs żejjed.
Dak l-abjad ġabni f’sensija u qatt m’erġajt għal li kont. Bqajt xi ftit ossessjonata, bħalma għadni ossessjonata fuq il-kafè bla ħalib u l-baħar f’Jannar u l-E Minor li qatt ma tgħallimt indoqq. Fil-kanzunetta “Port of Call” ta’ Beirut jgħidu/jkantaw:
I
I called through the air that night
The fogs all were a warming sight
Was it infantile
That which we desire
Were it up to me
Pull the wool from your eyes
U l-abjad jibqa’ jimla l-ispazji li jifdal fl-abjad innifsu. U ma jibqax imkien mhux abjad. Abjad. Abjad. abjad.
Naf, forsi, kemxejn, u nixtieq naf iktar xi jkun dal-abjad persistenti u elużiv, qisu storja, qisha mhix.
24.06.2021
Il-proġett BJUDA huwa megħjun mill-Aġenzija Żgħażagħ u jgħaqqad flimkien ix-xogħol ta’ Leanne Ellul (poeżija), Giola Cassar (fotografija) u Kenneth Sacco (mużika).
Xi jfisser l-abjad għalik?
Għalija jfisser biża’ u uġigħ.
Imma dir-riċensjoni mhux dwari. Hija dwar BJUDA.
Qabelxejn, BJUDA kien iktar minn ktieb. Kien wirja tal-arti kkurata minn Elyse Tonna. Allura, iktar milli ktieb, BJUDA huwa proġett multidixxiplinarju – proġett iffinanzjat mill-Aġenzija Żgħażagħ fl-okkażjoni ta’ għeluq l-għaxar snin mit-twaqqif tagħha.
Imma nerġgħu lura għall-ktieb. Minn daqs dawn kotba għall-qalbi, għalfejn BJUDA?
Huwa ktieb eċċentriku, le? Tal-inqas għall-kamp letterarju Malti. Jista’ jtiqies bħala ktieb artistiku. Wieħed li joffri esperjenza unika. U joffriha mal-ewwel daqqa t’għajn.
Il-ktieb mhuwiex ktieb lanqas. Bażikament, kaxxa. Biss, ta’ ġo fiha, jagħmel minn kollox biex joħroġ mill-konfini tagħha. U jirnexxielu. U kif.
U nneħħu l-karta strazza li tlibbsu (jien neħħejtha u ma stajtx nerġa’ nagħmilha, imma ejja nimmaġinaw li kienet hemm; ukoll, “tlibbsu” għax se nsejjaħlu “ktieb” xorta waħda – isbaħ minn “kaxxa”, le?)
U niftħuh.
Oqgħod attent kif tiftħu dal-ktieb, għax il-kreattività taf tfur minn ġo fih.
U l-esperjenza tkompli: bil-qari tal-esej dwar it-tema ċentrali u ambizzjuża tal-proġett – l-abjad – miktub minn Leanne Ellul (u allura tista’ sserraħ moħħok li se jagħmel minn kollox barra jraqdek).
X’iktar?
Il-postcards u l-faċċati (trasparenti, mitwija fi tnejn, f’erba’ ...), b’ritratti mill-isbaħ u bil-kodiċi QR għall-mużika, mill-isbaħ ukoll, ta’ Giola Cassar u ta’ Kenneth Sacco, rispettivament. U, ovvjament, bil-poeżiji ta’ Leanne (li nafuha ġa mill-Inventarju tal-Kamra l-Kaħla, pubblikazzjoni Merlin).
Se nerġa’ niġi għall-poeżiji.
Il-faċċatti separati, għax huma hekk, donnhom jgħidulek: “esperjenzani jekk trid u kif trid.” Bħal jizzikawk biex tibdel l-ordni – tradizzjonalment iddettata mill-awtur – u b’hekk il-ktieb isir iktar tiegħek. Iħajrek tirrifletti: għaliex il-faċċati oriġnarjament tpoġġew hekk? Kif għandna naqraw dan il-ktieb? U kotba oħra? Allura dan huwa ktieb ta’ diversi għażliet u, b’hekk, possibilitajiet. Ktieb li jisfida n-natura tiegħu stess. Hawnhekk il-forma tirrifletti l-kontenut: x’inhu ktieb? X’inhu l-abjad? X’kienu? X’jistgħu ikunu?
U lura għall-poeżiji. L-esej ta’ qabilhom huwa wieħed awto-riflessiv; studju profond dwar l-abjad, dwar artisti viżivi li għamlu użu minnu, u dwar studjużi, kittieba, u poeti – barranin u Maltin – li kitbu dwar l-abjad jew l-abjad. Il-poeżiji huma wkoll infurmati mix-xogħlijiet preċedenti u Leanne, fil-poeżiji, tindirizza lil dawn il-persunaġġi. Allura, ħafna drabi din hija poeżija apostrofika, allużiva. Hija wkoll, minħabba t-tema, kromatika. Xi drabi, esperimentattiva. Fiha jispikkaw il-memorji ta’ Leanne – memorji marbuta mal-abjad.
Kull poeżija għandha wkoll żewġ titli – donnu għal-Leanne mhux biżżejjed il-possibilitajiet li qed ittina l-produzzjoni tal-ktieb. Trid ittina iktar. U iktar: kull poeżija hija tradotta għall-Ingliż minn Albert Gatt. U, għal min, bħali, iħobb iż-żewġ lingwi, dan il-ktieb iservi ta’ eżerċizzju fit-traduzzjoni.
Lili, BJUDA, reġa’ fakkarni dak li kont insejt dwar l-abjad. U, ovvjament, għallimni ħwejjeġ ġodda dwaru. U ħafna iktar.
U nagħlquh.
Xi darba rridu ngħalquh.
U bħal wara l-qari ta’ kull ktieb, inħossuna mibdula. Biss, fil-każ ta’ BJUDA, il-bidla ġewwiena hija riflessa u dokumentata b’mod fiżiku iktar amplifikat. Il-ktieb jinbidel miegħek.
BJUDA huwa ktieb li għandna bżonn naraw iktar bħalu; ktieb li l-pubblikaturi m’għandhomx jibżgħu jippubblikaw biex in-nies ma jibżgħux minnu u minn kotba tal-istess qata’.
Jekk il-kulur favorit tiegħek huwa l-abjad, għandek taqrah. U jekk le ...